Il-Prim Ministru Joseph Muscat kellu taħditiet bilaterali mal-Prim Ministru tal-Indja
Source: TVM
Date: 18/01/2019
Il-Prim Ministru Joseph Muscat kellu taħditiet bilaterali mal-Prim Ministru tal-Indja, Narendra Modi. Il-laqgħa saret fil-belt ta’ Gandhinagar fl-Indja, qabel l-inawgurazzjoni tal-Vibrant Gujarat Global Summit. Dan l-avveniment organizzat kull sentejn hu maħsub li juri dak li l-istat ta’ Gujarat fl-Indja għandu x’joffri u jlaqqa’ flimkien delegazzjonijiet minn pajjiżi differenti, investituri u kumpaniji għal laqgħat informali bil-għan li jitkattar il-kummerċ.
Fil-laqgħa bejn iż-żewġ Prim Ministri ġew diskussi temi ta’ interess komuni fosthom il-farmaċewtika u l-preżenza f’Malta ta’ kumpaniji Indjani li joperaw f’dan il-qasam. Dr Muscat għamel preżentazzjoni lill-Prim Ministru Indjan dwar il-vantaġġi li toffri Malta lill-industrija tal-farmaċewtika. Saret referenza wkoll għar-reputazzjoni tajba li għandha l-Awtorità Maltija tal-Mediċini li twettaq spezzjonijiet fl-Indja, fosthom f’Gujarat, biex prodotti jingħataw marka tal-kwalità u b’hekk ikunu jistgħu jiġu esportati.
Fuq l-aġenda taż-żewġ Prim Ministri l-avjazzjoni. Issemmiet il-possibilità ta’ koperazzjoni mal-Air Malta, fl-isfond ta’ pjani li l-linja nazzjonali tal-ajru għandha biex tkompli tikber. Intqal li Malta tista’ tkun post minn fejn ċittadini Indjani jilħqu pajjiżi oħra fl-Ewropa u fl-Afrika ta’ Fuq minn bliet fi stati fl-Indja fejn hemm nuqqas ta’ konnettività.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Prim Ministru Narenda Modi tkellmu wkoll dwar l-oqsma tal-innovazzjoni, it-teknoloġija tal-informazzjoni u l-possibilità tal-koperazzjoni fil-qasam tal-blockchain.
Id-delegazzjoni Maltija għal-laqgħa mal-Prim Ministru Indjan inkludiet lill-Ministru tal-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji Żgħar, Chris Cardona, il-membru parlamentari Robert Abela, iċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Kummissarju Għoli ta’ Malta fl-Indja Stpehen Borg.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat hu wieħed minn ħames kapijiet ta’ gvern mistiedna għall-Vibrant Gujarat Global Summit, fosthom tnejn oħra Ewropej, tad-Danimarka u r-Repubblika Ċeka. Dr Muscat ser ikun wieħed mill-kelliema ewlenin fiċ-ċerimonja inawgurali tas-summit li qed jitlaqqa’ fiċ-ċentru tal-wirjiet u l-konvenzjonijiet Mahatma Mandir. L-avveniment hu mifrux fuq tliet ijiem. Il-Prim Ministru jinsab akkumpanjat minn martu, is-Sinjura Michelle Muscat.
Bħala parti minn dan is-summit dwar l-investiment, Malta ser ittella’ attività biex turi lil investituri Indjani u minn pajjiżi oħra dak li għandha x’toffri f’oqsma differenti tal-ekonomija u bħala destinazzjoni turistika. Fiona Formosa, Permanent Secretary at the Ministry for Foreign Affairs and Trade Promotion was also part of the delegation.